X'inhi d-dimensjoni parlamentari?

Minn Jannar sa Ġunju 2017, Malta se jkollha f’idejha l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, biex b’hekk issir membru tal-hekk imsejjaħ Triju ta’ Presidenzi  (1 ta’ Jannar 2016 – 30 ta’ Ġunju 2017) kompost mir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika ta’ Malta. It-Triju, ibbażat fuq il-prinċipju tar-rotazzjoni, jiżgura l-kontinwità u l-konsistenza f’ħidmet il-Kunsill tal-UE. It-Triju joħloq aġenda ġenerali u jimplimenta programm konġunt, waqt li kull membru, f’ordni predeterminata, tippresiedi fuq il-Kunsill tal-UE għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dawn l-aħħar snin, il-parlamenti nazzjonali kisbu relevanza li dejjem tikber fl-istruttura Ewropea tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, xejn inqas sa minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, li xi drabi ġie msejjaħ bħala 'It-Trattat tal-Parlamenti Nazzjonali' minħabba s-setgħat ġodda li tagħti lil dawn l-istituzzjonijiet. 

Din ir-relevenza li dejjem tikber ta’ parlamenti nazzjonali u d-dimensjoni Ewropea tagħhom ġiet riflessa wkoll fit-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza tal-Kunsill, inkluż fit-twaqqif ta’ konferenzi inter-parlamentari ġodda u wkoll fil-formalizzazzjoni ta’ konferenzi diġà eżistenti bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ proċedura relevanti. Barra l-laqgħat organizzati minn kull Presidenza, il-Parlament Malti se jkun qed jorganizza numru ta’ laqgħat oħrajn tal-Presidenti tal-kumitati parlamentari. 

Barra minn hekk, il-Parlament Malti ser jospita wkoll numru ta’ żjarat li se jsiru hawn Malta. L-għan ta’ dawn iż-żjarat huwa li jiġu diskussi l-prijoritajiet ta’ Malta waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE mal-leġiżlaturi tal-pajjiż.