Tiġi fi tmiemha l-konferenza interparlamentari dwar l-istabbiltà, koordinazzjoni ekonomika u governanza


01-Fra-2017
 
Illum ġiet fi tmiemha l-Konferenza Interparlamentari dwar l-Istabbiltà, Koordinazzjoni Ekonomika u Governanza li ġiet organizzata b’mod konġunt mill-Parlament Malti u l-Parlament Ewropew ġewwa Brussell fil-qafas tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017. Din hija t-tieni laqgħa li l- Parlament Malti qiegħed jorganizza minn serje ta’ laqgħat li jaqgħu taħt il-kappa tad-dimensjoni Parlamentari tal-Presidenza tal-Kunsill.

Il-Konferenza Interparlamentari organizzata skont Artiklu 13 tal-Patt Fiskali, li ġabet flimkien membri mill-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew mill-kumitati relevanti, kienet kopreseduta miċ-Chairperson tal-Kumitat dwar Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Ewropew is-Sur Roberto Gualtieri u miċ-Chairperson tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament Malti il-Membru Parlamentari Silvio Schembri u nfetħet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u mill-President tal-Parlament Ewropew is-Sur Antonio Tajani.

Il-laqgħa kienet maqsuma fuq erba’ sessjonijiet plenarji: skambju ta’ ideat dwar il-Patt Fiskali bħala parti mill-politika ekonomika nazzjonali; skambju ta’ ideat dwar dimensjoni soċjali tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika aktar komprensiva u koordinata; skambju tal-aħjar prattiċi dwar benchmarking ta’ riformi nazzjonali intiżi li jkattru t-tkabbir u l-impjiegi; u skambju ta’ ideat dwar ir-rwol tal-programm ta’ assistenza finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà sabiex tiġi mħarsa l-istabiltà tal-ewro.

Fir-rimarki tal-ftuħ tas-sessjonijiet dwar il-benchmarking ta’ riformi nazzjonali l-Membru Parlamentari Silvio Schembri qal illi lil hinn minn dak li hemm imniżżel fit-Trattat, wieħed irid jiddiskuti kif ser isir l-eżerċizzju ta’ benchmarking, x’nifhmu eżattament b’benchmarking, jekk dan huwiex biżżejjed jew jekk hemmx miżuri oħrajn aktar effettivi sabiex jinkiseb l-istess għan. Fir- rimarki tal-ftuħ tal-aħħar sessjoni l-Membru Parlamentari Schembri tkellem dwar is-suċċessi li kellu l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja fil-pajjiżi suġġetti għall-programmi ta’ self. Huwa rrimarka wkoll illi fi tmiem l-2016 il-MES qabel illi jniedi proċess ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-programmi ta’ self li ngħataw fil-passat sabiex issir analiżi profonda ta’ x’ħadem tajjeb u anqas tajjeb sabiex fil-futur tittejjeb l-effiċjenza u l- effettività ta’ dawn il-programmi.

Fost id-diversi kelliema mistiedna li indirizzaw tnejn mis-sessjonijiet ta’ din il-Konferenza kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u President tal-ECOFIN il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li  tkellem  dwar  ir-rwol  tal-programm  ta’  assistenza  finanzjarja  u  l-Mekkaniżmu  Ewropew u Stabbiltà sabiex tiġi mħarsa l-istabbiltà tal-ewro. Il-Ministru Edward Scicluna qal illi l-MES jikkontribbwixxi għall-istabbiltà u rrimarka illi għalkemm l-ewro hija aktar minn proġett politiku, din hija nieqsa mill-elementi istituzzjonali li normalment jinsabu f’muniti oħra federali bħad- dollaru. Il-Ministru Scicluna żied illi l-MES huwa element essenzjali mir-rispons Ewropew għall- kriżi finanzjarja. Huwa rrimarka li hemm rieda politika qawwija sabiex tkun żgurata l-istabbiltà u s- sostenibilità tal-ewro, u rrefera għad-diversi għodda disponibbli, fosthom il-benchmarking u l-Patt ta’ Tkabbir u Stabilità nnifsu. Huwa kkonkluda li minkejja l-problemi li ffaċċat l-Unjoni Ewropea saru passi kbar ‘il quddiem, u f’dan il-kuntest rrefera għad-diskussjonijiet fl-aħħar laqgħa tal- Eurogroup fejn ġew innutati r-riżultati pożittivi li ġew irreġistrati fiż-żona Ewropea in ġenerali u mill-Greċja b’mod speċifiku.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, is-Sur Mario Vella, ukoll indirizza lill-parteċipanti u tkellem dwar l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li jwasslu għat-tkabbir u impjiegi. Huwa tkellem dwar il-proċess ta’ diskussjoni u reviżjoni tar-riformi nazzjonali, u rrimarka illi f’ċerti oqsma dawn iridu jsiru fuq il-livell nazzjonali, bħal fil-qasam tal-politika soċjali. Fl-intervent tiegħu huwa elenka r-riformi li ġew implimentati f’Malta u r-riżultati li ġabu dawn l-istess riformi. Is-Sur Vella argumenta illi huwa żball li wieħed jassumi illi huwa eħfef illi tintroduċi ċerti riformi f’pajjiżi żgħar; dan għaliex minħabba nuqqas ta’ riżorsi li jistgħu jkunu jeżistu f’dawn il-pajjiżi, deċiżjonijiet ħżiena jista’ jkollhom impatt ferm akbar milli kieku jkollhom fuq ekonomiji akbar. Huwa kompla jgħid illi sabiex ir-riformi jkunu ta’ suċċess dawn iridu jkunu maħsuba sew u diskussi fit-tul sabiex titnaqqas ir-reżistenza għalihom. Huwa kkonkluda billi qal illi filwaqt li s-suċċessi ta’ Malta ma jistgħux jiġu trasposti faċilment f’ekonomiji akbar, hemm ħafna lezzjonijiet x’wieħed jista’ jitgħallem, primarjament li dawk li jfasslu l-politiki għandhom jiffukaw fuq inċentivi li jkunu flessibbli, ċari u maħsuba sew sabiex jippromwovu mġieba ekonomika adattata.

Għall-Konferenza attendew ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, u l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi.

Bħala parti mill-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017 l-Ispeaker Farrugia flimkien mal-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness indirizzaw ukoll lill-parteċipanti f’attività li nżammet fil-bini tal-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta, 31 ta’ Jannar 2017 filgħaxija.