L-Ispeaker tal-Kamra jiftaħ il-Laqgħa Interparlamentari tal-Presidenti tal-Kumitati dwar l-Affarijiet Soċjali


24-Mar-2017
 
Nhar l-24 ta' Marzu 2017, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia fetaħ il-Laqgħa tal-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Soċjali organizzata fi ħdan il-qafas tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kienet ippreseduta mill-President tal-Kumitat għall- Affarijiet Soċjali tal-Kamra tad-Deputati Anthony Agius Decelis. 


Fl-indirizz tiegħu, l-Ispeaker Farrugia enfasizza ż-żieda fir-relevanza tal-Parlamenti nazzjonali fl-istruttura Ewropea kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'demokrazija. Huwa tkellem ukoll fuq il-fatt li l-UE stabbiliet is-sena 2020 bħala l-mira li biha 20 miljun persuna se jkunu ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Farrugia argumenta li huwa r-rwol tal-Parlamentari li jwettqu dan il-pjan ambizzjuż


 
L-Ispeaker Farrugia enfasizza li għalkemm bejn l-Istati Membri jeżistu realtajiet differenti, l-indirizzar tas-sitwazzjoni għandha titqies ta’ prijorità. Għalkemm l-implimentazzjoni tal-politiki  nazzjonali hija f'idejn il-gvernijiet biex isegwuha, huwa l-mandat tal-Parlamenti rispettivi li għandhom jagħtu approvazzjoni. 

 
L-Ispeaker Farrugia ħeġġeġ lill-Presidenti kollha preżenti, bħala rappreżentanti taċ-ċittadini, biex dejjem jikkunsidraw l-impatt ta’ kull deċiżjoni meħudha fil-Parlamenti rispettivi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà.