L-Ispeaker jattendi għal-laqgħat fil-qafas tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017


30-Jan-2017
 
 

​Matul din il-ġimgħa, l-Ispeaker Anġlu Farrugia se jkun qed jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat fil-qafas tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017. L-impenji tiegħu jibdew nhar it-Tlieta, 31 ta’ Jannar 2017 meta flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, se jkun qed jiftaħ Konferenza inter-Parlamentari dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni Ekonomika u l-Governanza tal- Unjoni Ewropea.


Din  il-konferenza  qed  tiġi  organizzata  bejn  il-Parlament  Malti  u  l-Parlament  Ewropew,  u  se tipprovdi opportunità għal dibattitu u skambju ta’ ideat u ta’ prattiċi fl-implimentazzjoni tad- dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Patt Fiskali. L-għan huwa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Parlamenti Nazzjonali u l-Parlament Ewropew u tikkontribwixxi għal aktar kontabilità demokratika fl-oqsma tal-Governanza Ekonomika u tal-Politika Baġitarja fl-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-qasam tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea.