L-Ispeaker Anġlu Farrugia jiftaħ il-Laqgħa tal-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u Ambjentali


13-Apr-2017
 
Nhar is-7 ta’ April 2017 l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia fetaħ il-Laqgħa tal-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u Ambjentali li ttellgħet fi ħdan il-qafas tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. 

Fl-indirizz tiegħu, l-Ispeaker Farrugia spjega li l-għan tal-laqgħa kien li jinvolvi lill-Membri Parlamentari f’diskussjonijiet dwar il-ħidma fuq il-fenomenu tal-bidla fil-klima, u dan mhux biss mill-perspettiva ambjentali iżda wkoll mil-perspettiva tal- opportunitajiet ekonomiċi. L-Ispeaker Farrugia żied jgħid li bħala leġiżlaturi u rappreżentanti taċ-ċittadini, jenħtieġ li l-membri parlamentari jaħdmu mill-qrib biex jiddiskutu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-bidla fil-klima fuq il-ġenerazzjoni preżenti, u xejn inqas fuq dawk ġejjiena. Dawn id-diskussjonijiet għandhom jiżnu b’mod speċjali d-differenza bejn li tittieħed azzjoni u li ma jsir xejn li xejn. 

Biex iġib eżempju, l-Ispeaker Farrugia spjega li l-bini tal-Parlament il-ġdid tfassal biex juża l-enerġija b’mod kemm jista’ jkun effiċjenti bl-istallazzjoni ta’ fotovoltaiċi fuq is-saqaf, bi strutturi li jirriflettu x-xemx madwar it-twieqi u b’mekkaniżmu li jibdel is-sħana tal-ajru billi jaħżen l-arja friska fix-xitwa biex tintuża fix-xhur sħan tas-sena. Żied jgħid li minkejja li fil-bidu dan kollu sewa kemxa ġmielha, maż-żmien il-benefiċċji għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż minfuqa. 

Fil-konklużjoni tiegħu l-Ispeaker Farrugia ħeġġeġ lill-Presidenti u lill-Membri Parlamentari kollha preżenti, bħala rappreżentanti taċ-ċittadini, biex dejjem iqisu l-impatt li kull deċiżjoni meħuda fil-parlamenti tagħhom jista’ jkollha fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. 

Din il-laqgħa tmexxiet mill-President tal-Kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kamra tar-Rappreżentanti, is-Sur Silvio Schembri.