Fl-24 ta’ Marzu 2017, il-Kamra
tar-Rappreżentanti Maltija osptitat it-tielet laqgħa tad-dimensjoni
parlamentari tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li laqqgħet
madwar 80 delegat minn madwar l-Ewropa kollha biex jiddiskutu l-kwistjonijiet tal-faqar
u l-esklużjoni soċjali.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu,
il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Onor. Anthony Agius
Decelis, tkellem dwar l-importanza li l-Istati Ewropej jingħaqdu flimkien biex
jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Huwa saħaq
li ma nistgħux naċċettaw il-fatt li hemm individwi li jħossuhom soċjalment
esklużi sempliċement abbażi ta’ razza, tal-ġeneru jew tar-reliġjon tagħhom.
L-Ewropa għandha taħdem biex tkun aktar
inklużiva u l-minoritajiet, bħall-migranti, m'għandhomx jintesew.
Il-laqgħa tal-Presidenti tal-Kumitati
dwar l-Affarijiet Soċjali ttrattat il-kwistjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni
soċjali fid-dawl tal-fatt li l-UE stabbiliet l-2020 bħala s-sena mira li fiha
20 miljun persuna għandhom jinħarġu mill-istat ta' faqar u/jew esklużjoni
soċjali. Dan l-impenn li ħadu l-mexxejja tal-UE ġie b'riżultat tal-istatistika
allarmanti li turi aktar minn 120 miljun persuna fl-Ewropa li jinsabu f’riskju
ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Il-parteċipanti evalwaw il-kisbiet
tal-Ewropa, kif ukoll il-fejn trid tasal u l-kif qed tippjana biex tasal fejn
tixtieq. Is-sessjonijiet ittrattaw ukoll il-ħidma lejn Ewropa aktar
inklużiva, dak li jagħmel lil individwu soċjalment eskluż u r-rendikont tal-politiki
tal-Ewropa 2020. Il-laqgħa ngħatat bidu permezz ta’ indirizz bil-video
mill-Kummissarju Marianne Thyssen li tat ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni
attwali u ħeġġet lill-Membri preżenti biex jaħdmu lejn Ewropa aktar inklużiva.
Waqt is-sessjonijiet, il-Presidenti u
l-membri tal-kumitati relevanti kellhom l-opportunità li jiskambjaw l-aħjar
prattiki li għenu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-eskluzjoni soċjali fil-pajjiżi
respettivi tagħhom.
Għal-laqgħa attendew ukoll il-membri
tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra tar-Rappreżentanti Maltija,
l-Onor. Godfrey Farrugia u l-Onor. Paula Mifsud Bonniċi, li pparteċipaw b’mod
attiv waqt is-sessjonijiet.